Ġeografija u Storja
Ħal Lija jinsab fiċ-ċentru ta’ Malta. Flimkien ma’ Ħal Balzan u Ħ’Attard jdawru l-Palazz ta’ Sant’Anton b’art għammiela. Huwa maħsub li t-tliet irħula li jdawru il-palazz kienu maħsuba biex jagħtu protezzjoni lill-Granmastru li jkun fil-palazz jekk f’daqqa waħda il-Gżira tisfa attakkata mill-Furbani jew mit-Tork. Dan jispjega l-pjan oriġinali li t-toroq kollha tar-raħal ikunu dojoq, imserpin u ma sarux pjazez wiesgħa quddiem il-knejjes tar-raħal.
Ismu probabbilment tnissel mill-profeta Elija. Dan ir-raħal huwa msemmi fil-lista tal-Milizja tal-1419. Sar parroċċa fl-1594 u l-knisja preżenti, ddedikata lit-Trasfigurazzjoni ta' Kristu (Is-Salvatur), nbniet fl-1694. Il-parroċċa l-qadima għadha teżisti u wieħed isib ukoll il-knejjes ta' Sant'Andrija, San Pietru, Santa Marija (Ta' Duna), In-Nativita', il-Kunċizzjoni u Santa Marija tal-Mirakli
L-istemma fuq sfond tal-fidda għandha siġra tal-larinġ bil-frott lewn id-deheb fuq għolja lejn aħdar.
